Esperjenza li Tibqa’ F’Moħħok: Ġurnata ta’ Taħriġ ma’ l-Eroj tat-Tifi tan-Nar u s-Salvataġġ – miktuba minn Ja-naya Aquilina

Il-ġurnata tagħna bdiet fuq nota tajba. Hekk kif dħalna fil-kafetterija, ġejna milquha minn ftit mill-ħaddiema uffiċjali tat-tifi tan-nar li kienu verament spimatiċi. Wara li imlejna ċertu karti bid-dettalji tagħna, ftit mill-uffiċjali preżenti dawruna dawra mal-bini intern fejn osservajna kmamar b’skopijiet differenti bħal eżempju klassijiet għat-taħriġ, ħażna għall-PPE (tagħmir protettiv personali) kif ukoll kmamar tal-banju.

Waħda mill-uffiċjali gwidatna f’klassi minnhom fejn iddiskutejna bosta affarijiet interessanti mmens dwar dak kollu li għandu x’jaqsam man-nar eżempju għalxiex ma jistax jintuża kwalunkwe fire extinguisher biex jintefha kull tip ta’ nar. Tgħallimna wkoll il-mod kif nar jseħħ u għalfejn mhux kull nar huwa l-istess. Xi ħaġa interessanti li tgħallima hija li biex jinħoloq nar kull ma jkollok bżonn huma tliet komponimenti: ossiġnu, fjuwil u sħana. Dawn l-elementi insibhom imdarwin kontinwament madwarna iżda nar ma jseħħx il-ħin kollu. Dan għaliex in-nar iseħħ jekk it-tliet elementi jkunu jinsabu fl-istess ammont. Tgħallimna wkoll li xi tipi ta’ nar faċilment iseħħu iżda diffiċli ħafna biex jiġu ikkontrollati.

Kif lestejna, dħalna fil-kamra tal-PPE u ġejna mogħtija kit protettiv għat-tifi tan-nar u żarbun tas-sigurtà. L-istess uffiċjal iggwidatna lejn it-training grounds. Hawnhekk dak kollu li iddiskutejna fil-klassi ġie eżerċitat. Bdejna naraw tipi differenti ta’ nar u kif għandek titfihom. Kelna l-opportunità li nużaw il-fire extinguishers kif ukoll il-water hoze tal-fire engines biex nitfu n-nirien differenti li kien hemm.

Kien imiss li nitilgħu fuq ajruplan apposta għat-taħriġ fejn l-uffiċjali responsabbli ħarġuna dwar kif għadek tirraġixxi jekk issib ruhhek fuq ajruplan u minħabba d-duħħan, li huwa konsegwenza tan-nar, ikollok tevakwa. Imbagħad ikkonkludejna billi għamilna prova ta’ dak li tgħallimna b’duħħan artifiċjali.

Wara dik is-sezzjoni, biddilna mill-kit protettiv tan-nar għal kit ieħor biex inkunu nistgħu ninżlu fl-ilma għas-sezzjoni li kien imiss. Hekk kif lestjna erġajna morna fit-training grounds din id-darba fejn il-pixxina. Din il-pixxina kienet pjuttost kbira u kienet mgħammra b’ħafna apparat relatat mas-salvataġġ tal-ilma. Hawnhekk ġejna mgħallma kif għandna ngħixu jekk insibu ruħna f’nofs l-ilma speċjalment jekk ikun kiesah. Qabel ma nżilna, ġejna mogħtija ġakketta tas-salvataġġ u tgħallimna kif għanda tiġi milbusha. Ġejna murija kif għandek taqbeż fl-ilma meta jkollok din l-ġaketta fuqek f’kas ta’ emerġenza. Hekk kif konna fl-ilma tħarriġna kif għandna nikkonservaw is-sħana interna tal-ġisem filwaqt li nibqgħu fil-wiċċ. Tgħallimna ukoll li l-aħjar mod li għandek toqgħod huwa f’forma ta’ ċirku, lambranzetta ma’ xulxin biex inkunu viżibli kemm jista’ jkun u biex fl-istess ħin nippreservaw is-sħana. Jekk xi ħadd ikun qed jgħajja jew imweġġa, tgħallimna li kull ma rridu nagħmlu huwa li npoġġuh fin-nofs ta’ dan iċ-ċirku fejn jista’ jintelaq u jistrieh. Ikonkludejna din is-sezzjoni billi tlajna fuq raft li jintuża waqt l-istennija għall-għajnuna u imbagħad tellawna daqs li kieku ġie u salvana ħelikopter.

Hekk kif is-sezzjonijiet differenti waslu fi tmiemhom, kulħadd mar jinħasel u kilna xi ħaġa tajba flimkien.

Wara kollox, din kienet esperjeza verament straordinarja fejn akwistajt tgħallim li qatt ma ħlomt li se jkolli. Dan kollu li tgħallimt se nġorru miegħi bla dubju tul ħajti kollha u issa moħħi mistrieħ li jekk insib ruħi f’emerġenza naf kif għandi nirraġixxi.